Nadia Mifsud – Bormla (pèlerinage)
Bormla (pèlerinage)
Nadia Mifsud
fil-qalba
hemm leħen nannti
jaħtaf il-vokali
ta’ toroq tfuliti
hemm nannti liebsa l-gejxa
hemm il-ġara ta’ xagħarha bbliċjat
u l-qliezi mxammra
tpeċlaq waħedha
ma’ radju jtextex
mal-barmil ifexfex
tobrox l-istess biċċa bankina
erbgħin sena u fuqhom
hemm l-Immakulata Kunċizzjoni
ittrakkata ma’ elf faċċata
il-qtates magħluba
jħaxknu t-telqa tagħhom
mal-għekiesi tat-turġien
jilagħqu t-traskuraġni titmiegħek
fi truf l-isqaqien
naxra ħwejjeġ tal-ħabba gozz
pariġġ leħen ta’ mara jitpastaż
wara ħasira mtertqa
imdendla bl-addoċċ
riħa taqsam ta’ stuffat
wara l-knataz u s-serraturi
jitmaħmħu l-fatati
ħdejn ix-Xgħajra ta’ Bormla
mhux bogħod wisq minn fejn ommi
kienet tixtri ċ-ċiċri u l-ħut
nieqaf niggosta qarmuċa ċaċċaruna –
xedaq beraħ u libsa perpura
ibandlu żewġ toppini
f’pika mal-mina
ma’ kull żaqżiqa
jgarawli botta
sinna businna
bajda ħalib
oqgħod fejn se nqiegħdek
meta mmut niġi għalik
Mill-ġabra Kantuniera ‘l Bogħod.
Edizzjoni Skarta, 2015.
© Nadia Mifsud. Kull jedd miżmum.

Nadia Mifsud twieldet fl-1976. Trabbiet Bormla, kibret San Tumas, u ta’ 22, wara li ggradwat fil-Franċiż, marret tgħix Franza fejn kompliet tistudja l-letteratura.
Tgħallem, tittraduċi, u tikteb kemm il-poeżija u anke l-proża. Xogħlijietha inqalbu għal diversi lingwi, ġiet mistiedna għal għadd ta’ festivals fl-Ewropa, u anke fin-Nicaragua u l-India, u l-poeżiji u n-novelli tagħha dehru f’kull edizzjoni riċenti ta’ Leħen il-Malti.
Pubblikazzjonijiet
- Ġabriet ta’ poeżiji:
- żugraga (2009)
- kantuniera ’l bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015)
- Rumanzi:
- Ir-rota daret dawra (kważi) sħiħa (Merlin, 2017)
- Traduzzjonijiet:
- Je t’ai vu pleurer – traduzzjoni ta’ Fl-Isem tal-Missier, ta’ Immanuel Mifsud (Gallimard, 2011)