Antoine Cassar – Erbgħin Jum – Lejl II
Erbgħin Jum – Lejl II
Antoine Cassar
Jien ma nistax inġiegħlek tgħożż il-baħar.
Stennejt sentejn biex għidt li ma tħobbux.
Stennejt sentejn biex għidt li l-arja mielħa
ttik li tqaħqaħ u kważi taqla’ msarnek.
Tant qlub fir-ramel biex imbagħad tqerr miegħi
li ilek tistmerr mill-bidu x-xewqa tiegħi
li nniżżlu nofs għeruqna f’din il-gżira.
U tant versi nqabbel nifsek mal-mewġ
jofrogħ u jimla, u xfar għajnejk mal-mewġ
tiela’ u nieżel, u n-nokkli twal mal-mewġ
fejn kont inbaħħar sa nittrakka f’sidrek.
Illum ma nafx kontx ngħanni ismek bil-baħar
jonkella ngħanni l-baħar bl-ittri t’ismek.
Jien ma nistax inġiegħlek tgħożż il-baħar.
Stennejt sentejn biex għidt li ma tħobbux.
Dak il-ħin tkaxkret l-art minn taħt saqajja,
ħallejtni hawn b’għeruqi mperrċa fil-baħħ
ta’ xatt bla baħar, ta’ plajja bla ramel,
ta’ gżira bla ħamrija tgħum f’swidija
fejn l-ittri t’ismek iduru durella
u fuqhom u ġo fihom jiġu jbejtu
daħkana u għalenija eluf t’uħux.
Minn Erbgħin Jum.
Ede Books, 2017.
© Antoine Cassar. Kull jedd miżmum.
Antoine Cassar (Londra, 1978) huwa poeta u traduttur. Erbgħin Jum (40 Days, EDE, 2017), poeżija tul ta’ ktieb dwar trawmi tat-tfulija, id-dipressjoni u l-mixi bħala awtoterapija, rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u tinsab fix-shortlist tal-European Poet of Freedom Award 2020. Passaport (2009), poeżija stampata f’forma ta’ anti-passaport għal kull poplu u kull pajsaġġ, hija ppubblikata fi 11-il lingwa, u ġiet adattata għall-palk f’Malta, fi Franza u fil-Belġju. Fl-2009, il-kompożizzjoni multilingwi Merħba, a poem of hospitality ngħatat il-United Planet Writing Prize.
Bħala traduttur letterarju, Cassar qaleb ix-xogħol ta’ diversi awturi Maltin, bl-Ingliż (fost l-oħrajn in-novelli ta’ Pierre J. Mejlak, rebbieħ tal-Premju tal-UE għal-Letteratura fl-2014) u bl-Ispanjol (Troyano, ta’ Alex Vella Gera, ġie ppubblikat minn Libros de mentira, iċ-Ċile, f’Mejju 2019).
www.antoinecassar.net / www.passaport.info