Antoine Cassar – Erbgħin Jum – Jum I

Erbgħin Jum – Jum I
Antoine Cassar

Immiddu l-ewwel pass f’dil-penitenza,
jien u dan ġismi jfur bi ħtijiet qodma.
Erbgħin jum, għaxart elef pass kull għodwa
sa tmiem is-sena, jew sakemm ninfena.

L-ewwel pass, it-tieni pass — kull pass qabża
tiskansa l-waqgħa bla tarf li hemm tissajja
f’kull ħofra tiddieħaq b’nejbiet imġewħa
skjerati tul il-mogħdijiet imserrpa
tal-mappa mgħaffġa kobba tal-passat.
It-tielet pass, ir-raba’ — kull pass eħfef
minn ta’ qablu, jistieden ta’ warajh,
il-pali ta’ saqajja jħossu l-qiegħa,
jinsew li mixjin fuq ħabel stirat.
Il-ħames, is-sitt, is-seba’ — sa nitlef
l-għadd tal-iħirsa li tbiegħdu warajja,
sa sidri jibqa’ għaddej ħafif daqs l-arja.

Irrid l-irxiex fil-fdalijiet ta’ xagħri,
irrid l-għaraq nieżel m’għonqi u spallejja,
magħmudija tlaħlaħli l-ittri t’ismi.
Irrid is-sħana tal-barżakka f’dahri,
irrid id-demm ibaqbaq tul riġlejja,
ħuġġieġa ssaffili d-dnubiet ta’ ġismi.

Erbgħin jum, għaxart elef pass kull għodwa,
lejn ebda par dirgħajn għajr dawk tax-xefaq,
lejn ebda par xufftejn għajr dawk taż-żiffa,
lejn ebda sider sħun għajr dak tax-xemx.

Erbgħin għodwa mil-lum sa tmiem is-sena,
ħa nindem minn kull għelt, niskonġra l-biża’,
nerġa’ nifrex il-mappa, inġibha f’postha,
f’tarf il-ħabel nerġa’ niddritta l-boxxla
’mbagħad jew inkompli għal triqti, jew ninfena.

Minn Erbgħin Jum.
Ede Books, 2017.
© Antoine Cassar. Kull jedd miżmum.


Antoine Cassar. 2019. Ritratt ta' Virginia Monteforte
Antoine Cassar. 2019. Ritratt ta’ Virginia Monteforte

Antoine Cassar (Londra, 1978) huwa poeta u traduttur. Erbgħin Jum (40 Days, EDE, 2017), poeżija tul ta’ ktieb dwar trawmi tat-tfulija, id-dipressjoni u l-mixi bħala awtoterapija, rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u tinsab fix-shortlist tal-European Poet of Freedom Award 2020. Passaport (2009), poeżija stampata f’forma ta’ anti-passaport għal kull poplu u kull pajsaġġ, hija ppubblikata fi 11-il lingwa, u ġiet adattata għall-palk f’Malta, fi Franza u fil-Belġju. Fl-2009, il-kompożizzjoni multilingwi Merħba, a poem of hospitality ngħatat il-United Planet Writing Prize.

Bħala traduttur letterarju, Cassar qaleb ix-xogħol ta’ diversi awturi Maltin, bl-Ingliż (fost l-oħrajn in-novelli ta’ Pierre J. Mejlak, rebbieħ tal-Premju tal-UE għal-Letteratura fl-2014) u bl-Ispanjol (Troyano, ta’ Alex Vella Gera, ġie ppubblikat minn Libros de mentira, iċ-Ċile, f’Mejju 2019).

www.antoinecassar.net / www.passaport.info

Share this Post